Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-Malta Comic Con - avveniment maħsub għal kulħadd u speċjalment għall-familji. Dan l-avveniment ser jittella’ fid-9 u fl-10 ta’ Novembru fl-Eden Arena, fejn se tiġi ċċelebrata l-kultura pop f’Malta.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, flimkien mal-organizzaturi ta’ Wicked Comics.
Il-Ministru Owen Bonnici enfasizza li l-Malta Comic Con baqgħet tikber b’mod konsistenti matul is-snin, u din is-sena se tkun waħda mill-aktar edizzjonijiet spettakolari. Huwa qal li l-viżitaturi jistgħu jistennew varjetà ta’ attivitajiet bħal workshops, avvenimenti tal-gaming, taħditiet u diskussjonijiet, bosta prodotti għall-bejgħ, kompetizzjonijiet tal-cosplay, u ħafna aktar. Il-qofol tal-avveniment se jkun l-‘Artist Zone’, fejn se jintwerew talenti notevoli, kemm Maltin kif ukoll internazzjonali. Il-ministru kkonkluda billi sostna l-impenn tal-gvern li jkompli jappoġġja dawn l-inizjattivi permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti.
Il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti, Maria Angela Vassallo qalet, “Il-Malta Comic Con huwa avveniment tant mistenni mill-komunitajiet Maltin u jkompli jsaħħaħ is-settur artistiku u kreattiv lokali, hekk kif din l-inizjattiva tallinja mal-fergħa tad-diversità u l-komunitajiet fi ħdan l-Istrateġija tal-Kunsill.”
Min-naħa tiegħu, il-President tal-Wicked Comics, Fabio Agius, qal, “Ninsab kuntent ħafna bil-progress li għamlet l-għaqda Wicked Comics. Sena wara oħra, qed tiġbed udjenza akbar u tkompli taħdem għall-għan prinċipali tagħha: li toffri opportunità lill-artisti tal-komiks lokali biex ikabbru t-talenti tagħhom u x-xogħol tagħhom ikun rikonoxxut lil hinn minn xtutna”.
Imwaqqfa fl-2005, Wicked Comics hija organizzazzjoni mhux governattiva rreġistrata li tippromwovi l-kultura komika madwar id-dinja. Il-biljetti għall-Comic-Con jistgħu jinxtraw fuq https://www.maltacomiccon.com.
Commenti