top of page

Titnieda l-wirja ‘TOPIA’ f’MUŻA mill-artist ibbażat f’Londra Barnaby Barford


Titnieda l-wirja ‘TOPIA’ f’MUŻA mill-artist ibbażat f’Londra Barnaby Barford

 

Il-Ministru  għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici inawgura ‘TOPIA’, wirja ġdida mill-artist ibbażat f’Londra Barnaby Barford, f’MUŻA, il-Mużew Nazzjonali tal-Arti tal-Komunità ta’ Malta fil-Belt Valletta. Miftuħa sad-19 ta’ Jannar 2025, il-wirja toffri esplorazzjoni unika tan-nisġa kulturali u soċjo-ekonomika rikka ta’ Malta, mil-lenti tal-ħwienet lokali tagħha.

 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, tenna, “Heritage Malta qed tkompli trawwem id-djalogu kulturali, u ‘TOPIA’ hija fużjoni eżemplari tal-arti u l-wirt li tqajjem konversazzjonijiet importanti dwar is-soċjetà li qed tevolvi tagħna.”

 

Il-Ministru Bonnici spjega kif din il-wirja fiha aktar minn 11,000 ritratt ta’ ħwienet madwar Malta u Għawdex, u kompla jispjega kif l-artist ittrasforma din il-kollezzjoni f’1,000 rappreżentazzjoni ta’ ħwienet reali tal-porċellana fina maħduma bl-idejn, iffurmati madwar triq Maltija inkwadrata minn ħitan tas-sejjieħ ikoniċi, li jistiednu riflessjoni dwar il-komunitajiet tal-gżejjer li qed jevolvu.

 

Noel Zammit, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, enfasizza s-sinifikat kulturali tal-wirja: “‘TOPIA’ tgħaqqadna mal-wirt ħaj ta’ Malta b’mod innovattiv, u tfakkarna fir-rwol profond li għandhom dawn il-ħwienet lokali fit-tiswir tal-komunitajiet tagħna u l-identità tagħna.”

 

Il-viżitaturi huma mistiedna jidħlu f’dinja ta’ kurżità u nostalġija, fejn kull ħanut żgħir jirrakkonta l-istorja tiegħu. Mill-pastizzeriji tradizzjonali u l-fran fil-kantunieri sal-parrukkieri u l-ħwienet tal-għodda li qdew ġenerazzjonijiet sħaħ, l-installazzjoni taqbad l-ispirtu tal-kummerċ lokali f’dettall. Il-kuratriċi ta’ MUŻA Dott. Katya Micallef żiedet tgħid: “Ix-xogħol ta’ Barford jippermettilna nirriflettu kemm fuq in-natura dejjiema ta’ dawn il-ħwienet kif ukoll fuq il-bidla mgħaġġla li jiffaċċjaw fid-dinja tal-lum.”

 

Minbarra l-installazzjoni viżiva, il-viżitaturi jistgħu jiskopru aktar bl-intervisti rrekordjati mas-sidien tal-ħwienet, li joffru għarfien personali dwar in-nies wara l-faċċati. Din l-esperjenza multisensorjali tmiss temi usa’ ta’ identità, konsumeriżmu u komunità. Iċ-Chairperson ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar, irrimarka, “Fil-fatt, ‘TOPIA’ tħeġġiġna naħsbu lil hinn minn Topia stess, hekk kif nippassiġġaw matul id-disinn tal-wirja. Tittrasportana għal kwistjonijiet attwali ta’ tibdil fil-pajsaġġi tat-toroq, ippjanar urban u tibdil fil-modi ta’ bejgħ minn ħwienet.”

 

Il-viżitaturi se jkollhom l-opportunità li jixtru dawn il-kreazzjonijiet artistiċi uniċi tal-porċellana fina online, bid-dħul jappoġġja l-inizjattivi ta’ Heritage Malta fil-komunità u l-arti kontemporanja. Il-wirja hija akkumpanjata wkoll minn pubblikazzjoni b’intervisti u ritratti ta’ sidien tal-ħwienet, u għadd ta’ lekċers li jiffukaw fuq il-bdil tal-pajsaġġi tat-toroq, id-demografija, l-ippjanar urban u l-bilanċ bejn ir-rekwiżiti tan-negozju u tal-komunità.

 

Il-ħinijiet tal-ftuħ huma mill-10:00 sas-18:00 sal-aħħar ta’ Ottubru, u mid-09:00 sal-17:00 minn Novembru. Id-dħul għall-wirja huwa inkluż fil-biljett tal-mużew. Għal aktar informazzjoni, żur www.heritagemalta.mt.

 





 

Comments


bottom of page