top of page

Titnieda t-13-il edizzjoni tal-Valletta Baroque Festival



 Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar id-dettalji tat-13-il edizzjoni tal-Valletta Baroque Festival, li se jsir bejn id-9 u l-25 ta’ Jannar 2025.

 

Il-Ministru Bonnici stqarr li l-Valletta Baroque Festival għandu importanza kbira għall-pajjiż, kemm għax jgħin biex jippreserva u jippromwovi l-wirt kulturali u artistiku Malti, kif ukoll għax iġib flimkien artisti ta’ kalibru internazzjonali li jesibixxu l-aqwa talent tagħhom f’Malta. Huwa enfasizza li dan il-festival jagħti ħajja ġdida lil bosta siti storiċi Maltin, u jinħoloq ambjent fejn il-mużika u l-arkitettura jingħaqdu biex joffru esperjenza kulturali unika għall-udjenzi lokali u barranin. Il-Ministru Bonnici żied jgħid li Festivals Malta, permezz ta’ dan il-festival, qed tirnexxi mhux biss fil-qasam kulturali iżda wkoll ekonomikament, billi tattira turisti lejn Malta f’dan l-istaġun tas-sena.

 

“Il-Valletta Baroque Festival huwa pass importanti għalina biex inkomplu nsaħħu r-rikonoxximent internazzjonali ta’ Malta bħala destinazzjoni ta’ kultura u arti ta’ kwalità,” qal il-Ministru Bonnici, waqt li faħħar lill-ħaddiema ta’ Festivals Malta għall-impenn tagħhom fit-tħejjijiet għal din l-edizzjoni.

 

Min-naħa tiegħu, Aaron Zahra, Chairman ta’ Festivals Malta, sostna, “Festivals Malta hija impenjata bi sħiħ biex tippromwovi l-wirt kulturali tagħna, filwaqt li tipprovdi pjattaforma għall-artisti lokali u internazzjonali. Il-Valletta Baroque Festival huwa eżempju perfett ta’ dan l-impenn, li jippermettilna nuru mhux biss it-talent tal-mużiċisti, iżda wkoll postijiet mill-isbaħ li huma parti integrali mill-wirt tagħna.”

 

Frans Agius, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, irrimarka li, “Kburin li naraw artisti Maltin fuq il-palk prinċipali ta’ festivals internazzjonali bħalma huwa l-Valletta Baroque Festival. Din is-sena se naraw il-vjolinist Malti Carmine Lauri flimkien mal-Malta Philharmonic Orchestra taħt it-tmexxija ta’ Michael Laus, bis-sehem ukoll ta’ Charlie Siem, l-Abos Project & Consort taħt id-direzzjoni tal-ispeċjalista tal-mużika Barokka mill-Brażil Bruno Brocorpio, u l-Valletta Baroque Ensemble taħt id-direzzjoni ta’ Steven Devine.”

 

Taħt id-direzzjoni artistika ta’ Kenneth Zammit Tabona, il-festival ta’ din is-sena se jkollu firxa spettakolari ta’ preżentazzjonjiet minn artisti u ensembles distinti fi wħud mill-postijiet l-aktar maestużi ta’ Malta. Zammit Tabona spjega li s-sena 2025 timmarka t-triċentinarju tal-mewt ta’ Alessandro Scarlatti u għalhekk il-festival se jiftaħ bl-oratorju tiegħu La Giuditta. L-għada, l-udjenzi jistgħu jgawdu Lachrimae Lyrae, ippreżentat minn Sokratis Sinopoulos fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija. Il-programm jinkludi wkoll Thomas Dunford u Théotime Langlois de Swartese The Mad Lover u SIGNUM Saxophone Quartet li se jippreżentaw il-mużika tal-Amerika t’Isfel bil-Bachianas. Hemm ukoll kunċert vokali bit-titlu My Voyage to Italy minn Samuel Mariño ma’ Concerto de’ Cavalieri.

 

Permezz ta’ din il-festival l-udjenzi jistgħu jgawdu minn firxa ta’ stili u gruppi mużikali bħal Musica Antiqua Latina bil-Combattimento 400, u x-xogħlijiet ta’ Monteverdi mdaqqa minn Voces Sauve. The Malta Philharmonic Orchestra se tippreżenta wkoll Bach Violin Concertos b’solisti ta’ fama internazzjonali Charlie Siem u Carmine Lauri. Kunċert speċjali f’din l-edizzjoni se jkun qed jiċċelebra l-għeluq it-80 sena ta’ William Christie ma’ Les Arts Florissants fl-24 ta’ Jannar, li jiċċelebra wieħed mill-aktar figuri influwenti tax-xena tal-mużika barokka.

 

Kenneth Zammit Tabona kompla jispjega li l-festival se jospita wkoll interpretazzjoni minn KorMalta ta’ Missa Papae Marcelli ta’ Palestrina f’ġieħ il-500 sena anniversarju tal-mewt tiegħu. Filwaqt li t-tfal jistgħu jgawdu l-kunċert bl-isem Sound Explorers fid-19 ta’ Jannar, li se jintroduċi l-ġenerazzjoni li jmiss għall-ġmiel tal-mużika barokka. Il-festival se jsir madwar diversi postijiet storiċi, fosthom il-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Knisja ta’ Lapsi, u l-Palazz tal-Verdala.

 

Il-Valletta Baroque Festival se jittella’ bejn id-9 u l-25 ta ’ Jannar 2025 u huwa organizzat minn Festivals Malta b’kollaborazzjoni ma’ Teatru Manoel, u appoġġjat minn Visit Malta.



 



 

Comments


bottom of page