top of page

Titnieda uffiċjalment FUQ IL-FESTA – ċelebrazzjoni tal-festi Maltin



 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici nieda uffiċjalment FUQ IL-FESTA  waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fit-Teatru Manoel. Din se tkun ċelebrazzjoni tal-festi Maltin li reċentement ġew rikonoxxuti bħala parti mill-Wirt Kulturali Intanġibbli tal-Umanità tal-UNESCO.

 

Għal din l-okkażjoni, il-galleriji tat-Teatru Manoel kienu mixgħula b’kuluri vibranti tal-festa, li jirriflettu l-ispirtu ħaj tal-avveniment u l-kultura festiva ta’ Malta. L-isem, FUQ IL-FESTA, jirrappreżenta l-elevazzjoni tal-festi għeżież ta’ Malta għal tragwardi ġodda, u jurihom bħala avvenimenti kulturali kemm b’għeruq lokali kif ukoll b’sinifikat globali.

 

Il-Ministru Owen Bonnici enfasizza l-importanza tar-rikonoxximent tal-UNESCO u r-responsabbiltà li ġġib magħha. Spjega li l-festi tagħna ma għadhomx biss tradizzjonijiet lokali iżda issa huma parti mill-wirt kulturali kondiviż tad-dinja. Saħaq li dan ir-rikonoxximent jeħtieġ li nkomplu niċċelebrawh, nippreservawh u nippromwovuh b’mod li dawn it-tradizzjonijiet jonoraw is-sinifikat kulturali profond tagħhom.

 

Il-ministru spjega wkoll pjanijiet għall-futur tal-festi ta’ Malta, inklużi inizjattivi biex jappoġġjaw it-tkabbir tagħhom u l-espożizzjoni internazzjonali tagħhom.

 

L-attività FUQ IL-FESTA 2024 se ssir fid-19 ta’ Ottubru fi Pjazza Tritoni fil-Belt Valletta u se tkun ġurnata ta’ ċelebrazzjoni mill-isbaħ. Se ssir quddiesa solenni fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, fejn Mons Pawl Vella ser jagħmel omelija speċjali li tiċċelebra l-importanza kulturali u reliġjuża tal-festa.

 

Issegwi mbagħad prestazzjoni spettakolari tal-mass band immexxija minn Mro Jonathan Vella, b’mijiet ta’ mużiċisti jdoqqu l-aktar marċi emblematiċi tal-festa ta’ Malta, flimkien mat-tnedija ta’ marċ ġdid magħmul minn Ray Sciberras biex ifakkar ir-rikonoxximent tal-UNESCO. Se jkun hemm ukoll workshops interattivi għat-tfal u l-familji, inklużi snajja tradizzjonali bħal Liedna, Fistuni, u Pavaljuni kif ukoll dimostrazzjoni speċjali ta’ kif isir il-qubbajd.

 

Se jitnieda wkoll pakkett ta’ karti ta’ edizzjoni limitata bl-isem Mazz Vari (karti ta’ paragun), illustrati minn Iella, li juru l-istatwi maħbubin tal-festa ta’ Malta. Dawn il-karti se jitqassmu flimkien ma’ ktieb kommemorattiv, miktub minn Simon Bartolo, li jiċċelebra l-istorja rikka u t-tradizzjonijiet tal-festi ta’ Malta.

 

Se jkun hemm ukoll spettaklu ta’ logħob tan-nar sinkronizzat bid-daqq tal-innu nazzjonali Malti, li għandu jitgawda kemm fl-avveniment kif ukoll imxandar dirett.

 

Wara d-diskors tal-ministru, il-konferenza stampa kompliet b’panel ta’ diskussjoni mmexxi mill-ġurnalista Reno Bugeja. Fost il-membri tal-panel kien hemm Noel Camilleri (President tal-Għaqda Każin Banda Nazzjonali), Sandro Borg (espert tal-logħob tan-nar), Fr Aaron Zahra (qassis Dumnikan), Jessica Ellul (direttur Banda San Ġiljan), Mariella Mizzi Attard (president tal-Każin tal-Banda 12th May), Jean Paul Baldacchino (lettur fl-antropoloġija), Alex Vella Gregory (kompożitur u mużikologu) u Aleks Farrugia (Direttur tad-Direttorat tal-Kultura).

 

Waqt dan ġiet diskussa l-evoluzzjoni tal-festi fi żminijiet moderni u kif jistgħu jkomplu jevolvu filwaqt li jibqgħu leali għall-għeruq tagħhom. Is-suġġetti kienu jinkludu l-bilanċ bejn it-tradizzjoni u l-innovazzjoni, l-importanza li tiġi ppreservata l-identità kulturali tal-festi, u kif ir-rikonoxximent tal-UNESCO jpoġġi responsabbiltà fuq Malta biex tissalvagwardja dan l-aspett uniku tal-wirt tagħha.

 




 



 

 

 

Comments


bottom of page