· Żieda ta’ 13% f’sena waħda fin-numru ta’ professjonisti li jaħdmu fis-settur kreattiv
· Żieda ta’ €20 miljun fil-budget għas-settur tal-kultura
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, ħabbar li matul dawn l-aħħar għaxar snin, Malta esperjenzat żieda bla preċedent f’karrieri fis-settur kulturali u kreattiv, bl-ammont ta’ persuni li jaħdmu fis-setturi kreattivi iktar milli rdoppjaw. Meta wieħed iqabbel is-sena li qegħdin fiha mas-sena li għaddiet isib li din ix-xejra pożittiva kompliet tirranka hekk kif il-karrieri f’dan is-settur reġgħu żdiedu bi 13% f’sena waħda.
Ċifri uffiċjali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jiżvelaw li waqt li fl-2013 l-ammont totali ta’ individwi li jaħdmu fis-settur kreattiv u kulturali kien ta’ 3,065, dan żdied għal 6,290 s-sena li għaddiet u 7,187 sa Mejju ta’ din is-sena. Il-Ministru Bonnici spjega li din iż-żieda fl-opportunitajiet ta’ karrieri fis-settur kulturali u kreattivi ma ġietx b’kumbinazzjoni iżda hija riżultat ta’ Gvern li jinvesti u jniedi inizzjattivi li jkomplu jinċentivaw dan it-tkabbir.
Huwa qal li l-budget għas-settur kulturali u kreattiv kompla jgawdi minn żieda fl-allokazzjoni finanzjarja għas-sena 2024 hekk kif l-allokazzjoni komplessiva se tiżdied b’€20 miljun. Dan jirrappreżenta wkoll żieda ta’ €81 miljun f’dan il-qasam mill-aħħar budget taħt amministrazzjoni preċedenti.
Il-Ministru Bonnici fakkar li din is-sena l-artisti bdew jibbenefikaw mill-implimentazzjoni ta’ rata ta’ taxxa mnaqqsa ta’ 7.5%. “Miżura bħal din mhux biss tinkoraġġixxi t-tkabbir tas-settur kreattiv, iżda tippremja t-talent u l-innovazzjoni,” qal Dr Bonnici.
Huwa qal li matul is-sena d-dieħla se tissokta l-ħidma favur it-tradizzjonijiet kulturali Maltin fejn jidħlu s-soċjetajiet mużikali, soċjetajiet tal-armar u soċjetajiet pirotekniċi u l-festa Maltija inġenerali. Sostna li wara li ġew salvati s-Soċjetà Mużikali Stella Maris u s-Soċjetà Mużikali de Paule, issa ġew allokati €6.5 miljun biex jintużaw għax-xiri ta’ proprjetajiet oħra li huma mikrija lil soċjetajiet mużikali u li jinsabu f’riskju li jintilfu minħabba s-sitwazzjoni legali tal-kirjiet ta’ qabel l-1995. Apparti dan, għal darb’oħra hemm allokat investiment nofs miljun ewro biex jiġu investiti fis-soċjetajiet li jaħdmu favur il-festi Maltin.
“Bħala pajjiż ersaqna pass ieħor ’il quddiem biex il-festa Maltija tiġi inkluża fil-lista tal-Wirt Kulturali Intanġibbli tal-UNESCO. Wara parir pożittiv ferm li l-Kumitat Tekniku tal-UNESCO ta fuq dan is-suġġett, kollox jindika li dan ir-rikonoxximent għandu jingħata uffiċjalment fil-konferenza tal-UNESCO li se tittella’ fil-Botswana f’Diċembru,” stqarr il-Ministru Bonnici.
Il-Ministru rrefera wkoll għal inizjattivi finanzjarji oħra li se jkunu possibbli bis-saħħa tal-Budget 2024, fosthom investiment kapitali ta’ €2 miljun għall-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta, investiment ta’ €3.5 miljun għar-restawr tas-swar u postijiet patrimonjali oħra, investiment ta’ €2.5 miljun għal system upgrade tekniku fil-PBS Ltd u żieda fl-allokazzjoni rikorrenti f’għadd ta’ entitajiet pubbliċi kulturali biex tkompli tissaħħaħ l-ekosistema kulturali u tal-ħarsien tal-patrimonju storiku ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Bonnici faħħar b’mod partikolari l-inizjattiva li se tkun qed timplimenta l-Aġenzija Heritage Malta matul is-sena 2024 bit-tnedija ta’ l-ewwel Biennale tagħha bl-isem ta’ biennale.art li se tkun qed tittella’ taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta u tal-UNESCO.
Huwa rrefera wkoll għall-proġetti li għaddejjin bħalissa tal-Palazz tal-President u l-medda ta’ art kbira tal-iSpazju Internazzjonali ta’ Arti Kontemporanja fil-Floriana li se jingħataw lura lill-poplu bl-investiment għaqli li qed jitwettaq bl-għajnuna wkoll ta’ fondi Ewropej. “Din il-politika timxi id f’id mal-impenn tal-Gvern u cioè li l-poplu għandu jgawdi dejjem iktar spazji miftuħa fejn jirrekrea ruħu, f’dan il-każ bis-saħħa tal-arti, l-kultura u patrimonju storiku,” sostna Dr Bonnici.
“Din il-ħidma li qed titpoġġa fis-settur kulturali u kreattiv twassal mhux biss għat-tkabbir ekonomiku iżda wkoll għall-preservazzjoni u l-ħarsien tal-identità tant sabiħa ta’ Malta tagħna,” temm jgħid il-Ministru Owen Bonnici.
Comments