top of page

Tlesta x-xogħol ta’ restawr estensiv fuq is-sur u l-Bieb ta’ Santa Liena f’Bormla



 

Id-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali lesta x-xogħlijiet ta’ restawr fuq il-ħitan tas-sur li jinsabu bejn il-Bastjun ta’ San Ġwann t’Għuxa u dak ta’ Santa Liena, fis-swar ta’ Santa Margerita f’Bormla. Ix-xogħlijiet ta’ restawr saru tul 320 metru ta’ ħitan ta’ fortifikazzjoni u inkludew ukoll il-Bieb ta’ Santa Liena. Dawn ix-xogħlijiet, li bdew f’April tas-sena li għaddiet, saru b’investiment ta’ €1.2 miljun.

 

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli waqt żjara fuq il-post.

 

Il-Ministru Owen Bonnici enfasizza dwar l-importanza li jitwettqu dawn it-tip ta’ xogħlijiet ta’ restawr biex jitħarsu l-fortifikazzjonijiet storiċi u jitħares il-patrimonju nazzjonali għall-ġenerazzjonijiet futuri. Huwa qal li dan il-proġett huwa parti minn kullana ta’ proġetti ta’ konservazzjoni li l-gvern qed iwettaq biex jitħarsu u jiġu rrestawrati l-binjiet storiċi f’pajjiżna.

 

“L-investiment ta’ €1.2 miljun f’dan il-proġett mhux biss jgħin biex jippreserva l-istorja u l-wirt kulturali tagħna, iżda wkoll isaħħaħ l-esperjenza kulturali kemm għall-Maltin kif ukoll għat-turisti,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

 

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet, “Ir-restawr u l-konservazzjoni ta’ postijiet storiċi jkompli jagħti valur addizzjonali lil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin. Il-kunsilli lokali għandhom irwol importanti f’dan il-qasam għaliex huma jafu sew il-bżonnijiet tal-lokalità tagħhom.”

 

Il-ħitan tal-fortifikazzjoni nbnew fis-seklu tmintax u jinkludu Bieb Santa Liena, magħruf ukoll bħala Porta dei Mortari. Dan huwa bieb bi stil Barokk u ġie ddisinjat mill-Inġinier militari Franċiż, Charles François de Mondion, l-inġinier residenti tal-Ordni.

 

Ix-xogħlijiet kienu jinkludu tindif fuq il-ġebel, preservazzjoni tal-patina oriġinali kull fejn kien possibbli, tneħħija ta’ tikħil li sar bis-siment, konsolidazzjoni u mili tal-fili, tibdil ta’ ġebel iddeterjorat, restawr tal-banquettes u l-pjattaformi li qegħdin fuq il-bieb. Inbnew ukoll mill-ġdid partijiet min-naħa ta’ fuq tal-fortifikazzjoni li kienu ġarrbu ħsarat matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Ġew stabilizzati b’teknika ta’ rock-bolting sezzjonijiet ta’ blat maqsum fuq tul ta’ madwar 100 metru.

 

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm is-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla, Marco Agius.



 




 

コメント


bottom of page