top of page

Tliet proprjetajiet oħra ta’ Soċjetajiet Mużikali li kienu f’riskju serju ta’ żgumbrament jinxtraw mill-Gvern



 

Jitilgħu għal ħamsa l-proprjetajiet ta’ Soċjetajiet Mużikali li ġew salvati, b’sitt proprjetajiet oħra jinsabu fuq konvenju

 

Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali kkonkluda b’mod definittiv ix-xiri tas-sede ta’ tliet Soċjetajiet Mużikali, jiġifieri s-sede tal-Għaqda Mużikali Stella Levantina ta’ Ħ’Attard, is-sede taċ-Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja tal-Kalkara u s-sede tas-Soċjetà Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught's Own ta’ Birkirkara permezz ta’ tliet kuntratti separati li ġew ippubblikati f’jiem differenti matul is-sena kurrenti.

 

Dawn it-tliet Soċjetajiet kienu f’riskju serju ta’ żgumbrament minħabba s-sitwazzjoni legali marbuta mal-liġijiet tal-kera ta’ qabel l-1995.  B’hekk issa tela’ għal ħamsa l-ammont ta’ sede ta’ soċjetajiet mużikali li ġew akkwistati mill-Ministeru permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti, wara l-akkwist tas-sede tas-Soċjetà Mużikali Antoine de Paule ta’ Raħal Ġdid u s-sede tas-Soċjetà Mużikali Stella Maris ta’ Tas-Sliema.

 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici spjega li l-Gvern intervjena biex isalva lil dawn is-soċjetajiet mużikali bil-għan li bix-xiri tas-sede rispettivi, l-istess proprjetajiet ikunu jistgħu jkomplu jiġu użati bħala s-sede prinċipali tal-każini tal-banda b’titolu ġdid u b’kera ġusta. Huwa saħaq li l-Gvern jemmen fil-ġid kbir li joħroġ mill-ħidma li ssir favur il-festi Maltin u hu għalhekk li qed jaġixxi biex dawn is-Soċjetajiet Mużikali jibqgħu jitgawdew mill-komunitajiet rispettivi.

 

Il-Ministru Bonnici kompla li d-deċiżjoni li ħa l-Gvern biex isalva l-każini kienet importanti ferm anke fid-dawl tal-fatt li l-festa Maltija issa hija meqjusa wkoll bħala Wirt Intanġibbli tal-Umanità mill-UNESCO.

 

Is-sede tal-Għaqda Mużikali Stella Levantina ta’ Ħ’Attard ġiet akkwistata b’investiment totali ta’ €1,100,000, waqt li s-sede tac-Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja tal-Kalkara ġiet akkwistata b’investiment totali ta’ €750,000. Is-sede tas-Soċjetà Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught's Own ta’ Birkirkara ġiet akkwistata b’investiment totali ta’ €4.5 miljun, liema ammont jinkludi l-pre-likwidazzjoni u l-ħlas ta’ danni legalment meqjusa li huma dovuti u spejjeż oħra, inklużi dawk legali.

 

Intant, hemm sitt soċjetajiet oħra li l-Ministeru, permezz tal-Kunsill Malti għall-Arti, daħal f’konvenju mas-sidien tas-sede tagħhom li meta jsiru l-akkwisti rispettivi se jammontaw għal investiment totali ta’ €16-il miljun.

 

Min-naħa tiegħu, ċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti Albert Marshall qal, “Dawn l-inizjattivi huma parti mill-ħidma tal-Kunsill fejn qed inkomplu nsaħħu l-wirt nazzjonali ta’ pajjiżna u l-karatteristiċi kulturali, tradizzjonali u folkloristiċi li tant huma għal qalb il-Maltin u l-Għawdxin.”



 


 


 

Comments


bottom of page