top of page

Tmintax-il professjonist jingħataw Ċertifikat ta’ Ħila ta’ Patrimonju



 

Waqt ċerimonja, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ppreżenta Ċertifikat ta’ Ħila ta’ Patrimonju lil tmintax-il professjonist li jaħdmu fil-qasam tal-konservazzjoni u tar-restawr tal-patrimonju kulturali.

 

Dan iċ-Ċertifikat ta’ Ħila ta’ Patrimonju qiegħed jinħareġ għat-tieni darba mill-Bord tal-Warrant tar-Restawraturi, li jfisser li sal-lum ingħataw dan iċ-ċertifikat total ta’ 20 professjonist, u għandu l-għan li jirregola x-xogħlijiet relatati mal-attivitajiet marbuta mal-professjoni tal-konservaturi u tar-restawraturi u dan anke kif jistipula l-Att Dwar il-Patrimonju Kulturali, Kapitlu 445.

 

Il-Ministru Owen Bonnici spjega li permezz ta’ dan iċ-Ċertifikat ta’ Ħila ta’ Patrimonju mogħti mill-Bord tal-Warrant tar-Restawraturi, l-abbiltajiet ta’ dawn il-professjonisti qed jiġu rikonoxxuti.

 

Waqt li indirizza lill-konservaturi u lir-restawraturi, fil-preżenza tal-Bord tal-Warrant tar-Restawraturi-Konservaturi, il-ministru saħaq li peress li x-xogħol ta’ konservazzjoni u restawr ta’ oġġetti ta’ valur kulturali jeħtieġ li jsir bl-aħjar mezzi, materjal, galbu, u etika, l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali jesiġi li biex wieħed iwettaq dan it-tip ta’ xogħol jeħtieġ li jkollu Warrant jew Ċertifikat ta’ Ħila ta’ Patrimonju, maħruġ skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali.

 

Il-Ministru Owen Bonnici kkonkluda billi rringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom tul iż-żmien, partikolarment liċ-Chairperson tal-Bord Dr Joseph Buttigieg u lill-kumplament tal-Bord li kien strumentali biex illum qed jirrikonoxxu dawn il-professjonisti billi jingħataw Ċertifikat ta’ Ħila ta’ Patrimonju.




 



 

 

 

Yorumlar


bottom of page