Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici, is-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima, ħaddiema mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi, LESA u ħaddiema tal-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali nedew kampanja edukattiva fost it-tfal għall-indafa fit-toroq fejn jidħlu l-annimali, fuq inizjattiva tal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq.
Il-kampanja tolqot l-indafa fit-toroq relatata mal-annimali. Ġie spjegat li meta persuna toħroġ bil-kelb tagħha, dan għandu jkun dejjem marbut b’ċinga u dak li jkun għandu jġorr borża tal-klieb sabiex jekk f’xi ħin il-kelb iħammeġ fit-triq, il-persuna għandha tnaddaf minnufih.
Il-kampanja għandha l-għan li tqajjem kuxjenza dwar l-impatt negattiv li dan iħalli fuq l-ambjent, apparti n-nuqqas ta’ indafa li jikkawża fit-toroq fl-irħula.
Il-Ministru Owen Bonnici spjega, “Minn dejjem xtaqt li ssir kampanja edukattiva dwar din il-problema li kważi kull raħal jew belt jgħaddi minnha f’xi punt jew ieħor. Għal dan l-għan iltqajna llum għax wara diskussjonijiet li saru bejn LESA u l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali flimkien mal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq, qed inniedu din l-imsemmija kampanja. Ninsab ottimist li permezz ta’ din il-kampanja ser inkunu qed inqajmu iżjed għarfien dwar is-sens ta’ responsabbiltà li wieħed għandu jkollu sabiex inżommu s-sbuħija tal-irħula tagħna anke billi nassiguraw l-indafa fejn jidħlu l-klieb tagħna. Bis-saħħa ta’ kampijiet edukattivi ta’ din ix-xorta qed inrawmu ċertu għaqal f’uliedna u f’ulied uliedna”.
Is-Sindku taż-Żurrieq Rita Grima qalet li, “Waħda mill-problemi li affaċċjajt hekk kif bdejt bħala Sindku taż-Żurrieq kienet il-ħmieġ tal-klieb li jitħalla fit-toroq tagħna meta s-sidien tagħhom joħorġuhom dawra jew apposta biex jagħmlu l-bżonnijiet tagħhom. Jiena sid ta’ kelb żgħir u ħelu li huwa l-mimmi ta’ għajnejja u għaldaqstant nifhem sew li l-pets tagħna jkollhom bżonn l-arja ta’ barra għal mixja jew biex jaqdu l-bżonnijiet tagħhom. Meta noħroġ bil-kelb tiegħi nara li noħroġ bil-boroż miegħi f’każ li jħammeġ. Nagħmel dan għax il-kuxjenza tiegħi hekk tgħidli u għax ma niħux gost kieku noħroġ mid-dar u nsib il-ħmieġ tal-klieb quddiem biebi. Ejjew flimkien nagħmlu ħilitna sabiex inżommu r-raħal tagħna nadif. Bil-koperazzjoni ta’ kulħadd nemmen li nistgħu naslu”.
L-għan ta’ din il-kampanja hu li titqajjem kuxjenza ħalli jkollna Malta isbaħ u iżjed nadifa.
Commentaires