Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar il-pubblikazzjoni ta’ ktieb għat-tfal immirat għat-tfal ta’ bejn l-10 snin u t-12-il sena. Dan il-ktieb hu bbażat fuq l-installazzjoni ta’ Trevor Borg Cave of Darkness – Port of No Return, li tifforma parti mill-Padiljun ta’ Malta għall-Biennale di Venezia.
“Dan il-ktieb huwa mod eċċellenti biex ngħarrfu aktar lill-ġenerazzjonijiet żgħar tagħna dwar l-użu ta’ modijiet artistiċi differenti, minħabba li dan il-ktieb tnissel mill-installazzjoni ‘Cave of Darkness’ u hu ppreżentat b’mod li jressaq l-idea ta’ La Biennale di Venezia aktar viċin it-tfal Maltin”, qal il-Ministru Bonnici. Hu faħħar l-aspett edukattiv tal-proġett, hekk kif grazzi għall-workshop li ttella’, dawn it-tfal tgħallmu wkoll dwar Għar Dalam u l-wirt ta’ pajjiżna. “L-istrateġija tagħna hija li nedukaw u nrawmu kultura artistika fost il-membri żgħar tas-soċjetà tagħna biex jikkultivaw imħabba lejn is-settur kulturali minn età żgħira”, kompla jgħid Owen Bonnici.
Il-ktieb, bl-isem Smajna Isimna taħt l-Art ġie miktub minn Loranne Vella, li rebħet il-Premju Nazzjonali għall-Ktieb fl-2018 b’Rokit. Hi żviluppat dan il-kunċett ma’ Borg hekk kif kienet interessata fl-istorja, ibbażata fuq l-istorja ta’ Għar Dalam u s-saffi immaġinarji miżjuda fuqha li għandhom l-għan li jqanqlu mistoqsijiet u jikkumplikaw l-ispazji bejn ir-realtà u l-fittizju.
In-narrattiva rriżultat fi ktieb għat-tfal, li jinkludi wkoll tpinġijiet. Din l-istorja enigmatika hi bbażata fuq avventura ta’ żewġ esploraturi li niżlu Malta biex jinvestigaw dan l-għar li għadu kif ġie skopert. Din is-sejba li qiegħda tistennihom taħt l-art tevoka l-biċċiet li jinkludu l-installazzjoni ta’ Borg – għadam, kranji, armi antiki u għodda, qxur, statwetti, fuħħar eċċ. L-istorja tiżvolġi b’mod mhux mistenni f’abbiss skur, hekk kif wieħed mill-esploraturi jispiċċa maqbud b’mod misterjuż f’nofs labirint kumpless ta’ għerien taħt l-art.
L-għan ta’ dan il-ktieb hu li jagħti l-opportunità lit-tfal (u anka l-kbar) biex jesploraw aktar it-tifsiriet u l-interpretazzjonijiet relatati mal-installazzjoni tal-Biennale di Venezia. Din l-istorja hija wkoll estensjoni tal-workshops li ttellgħu f’Għar Dalam aktar kmieni din is-sena u l-poeżiji miktuba minn Elizabeth Grech u Giulia Privitelli.
It-tnedija tal-ktieb saret fl-iskola primarja ta’ Birżebbuġa, bl-artist u l-awtur jaqraw xi passaġġi mill-ktieb. L-istudenti kellhom l-opportunità li jesploraw l-oġġetti ta’ Għar Dalam fil-klassi, flimkien ma’ spjegazzjonijiet dwar l-għerien mill-kuratur tal-istorja naturali.
Kopji ta’ Smajna Isimna taħt l-Art ingħataw lill-studenti tas-sitt sena preżenti għat-tnedija u verżjoni e-book se tkun disponibbli fuq is-sit ta’ Heritage Malta. Dan l-avveniment kien ikkordinat minn Trevor Borg, u Heritage Malta u l-Kunsill Malti għall-Arti li t-tnejn jaqgħu fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali.
Comments