Permezz ta’ Festivals Malta, il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali għadu kif ħabbar il-programm tal-avvenimenti għall-Karnival tas-Sajf 2019, li se jsir bejn it-23 u l-25 ta’ Awwissu 2019.
Organizzat b’kollaborazzjoni ma’ diversi kunsilli lokali, il-karnival tas-sajf huwa karatterizzat minn parata mat-toroq fi rħula ħdejn il-baħar. Il-karrijiet huma ġeneralment iżgħar minn dawk tal-karnival tax-xitwa, u total ta’ 13-il karru, li wieħed minnhom se jkun ġej minn Għawdex, kif ukoll 5 skejjel taż-żfin se janimaw l-avvenimenti ta’ din is-sena.
Waqt it-tnedija, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li avvenimenti bħall-karnival tas-sajf jgħinu biex insaħħu l-kalendarju kulturali lokali matul dan iż-żmien tas-sena. “Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-karnival huma mistennija mill-komunità lokali kif ukoll minn dawk li jżuruna u permezz tal-karnival tas-sajf mhux biss qegħdin insaħħu inizjattiva unika imma qegħdin nilħqu aktar membri tal-komunità permezz tal-organizzazzjoni ta’ avvenimenti ta’ din is-sura f’lokalitajiet differenti u nilħqu udjenza usa’, filwaqt li nagħmlu l-karnival tas-sajf aktar aċċessibbli”.
Annabelle Stivala, id-Direttur ta’ Festivals Malta, spjegat li din is-sena l-karnival tas-sajf se jkollu post ġdid flimkien ma’ dawk ta’ Buġibba u ta’ Marsaskala. “Din is-sena se nkunu qegħdin nieħdu l-karnival tas-sajf f’Birżebbuġa għall-ewwel darba, fejn se jkollna parata mat-toroq b’varjetà ta’ karrijiet dekorattivi akkumpanjati minn gruppi ta’ żeffiena.” Il-karnival tas-sajf se jibda f’Buġibba nhar it-23 ta’ Awwissu fis-7:30pm bil-Gran Dèfilè li jibda minn Dawret il-Gżejjer. Id-dèfilè tas-Sibt se jibda minn fejn is-Santana Hotel fis-7:30pm fejn imbagħad se jimxi lejn Islet Promenade, li jara l-kulminu tiegħu fil-pjazza ta’ Buġibba.
Is-Sibt, il-karnival tas-sajf se jkun preżenti wkoll f’Birżebbuġa. Il-parata se tibda fis-7:30pm mill-venda tal-linja u se timxi max-xatt tal-Bajja s-Sabiħa. Il-Ħadd, il-festeġġamenti se jimxu għal Marsaskala fejn l-isfilata li se jkollha wkoll il-parteċipazzjoni tal-Banda Sant’ Anna, se tieħu rotta ġdida, miż-Żonqor għaċ-ċentru ta’ Marsaskala fis-7:30pm.
Inizjattiva oħra ta’ Festivals Malta għall-karnival tas-sajf kienet il-kollaborazzjoni tal-Università mal-istudenti tal-MCAST fejn l-istudenti ġew mistiedna li jressqu illustrazzjonijiet artistiċi li jirrappreżentaw il-karnival tas-sajf li se jintuża għal skop promozzjonali.“Din l-inizjattiva hija waħda minn bosta li qegħdin isiru minn Festivals Malta biex tintlaħaq udjenza usa’ u biex jiġu maħluqa punti ta’ kuntatt fejn il-membri żgħażagħ tal-komunità jistgħu jipparteċipaw,” kompliet tgħid Annabelle Stivala.
Comments