It-tnedija tal-Ġimgħa għad-Diplomazija dwar il-Klima bdiet permezz ta’ inawgurazzjoni ta’ esebizzjoni ta’ ritratti mill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici, fil-preżenza tal-kapijiet parteċipanti tar-rappreżentanti diplomatiċi. L-esebizzjoni tiffoka fuq l-impatt tal-klima fuq il-wirt kulturali u turi serje ta’ ritratti li juru l-impatt tat-tibdil fil-klima fil-pajjiżi. Ir-Rappreżentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, bl-assistenza ta’ Heritage Malta, se tkun qed turi ritratti li juru l-impatt tal-klima fuq it-tempji tal-Imnajdra.
Fid-diskors tiegħu waqt it-tnedija, il-Ministru Owen Bonnici qal li “wirtna u l-istorja tagħna għandhom parti importanti fit-tiswir tal-identità tagħna u dan jidher ċar mill-ħafna monumenti u siti storiċi li nsibu fi gżiritna li jservu ta’ eżempju tal-istorja estensiva u l-impatt fuqna bħala pajjiż.” Owen Bonnici rrefera għax-xogħlijiet ta’ restawr numerużi li saru u li qed isiru biex nipproteġu dawn il-binjiet storiċi. “Il-bidla fil-klima hija xi ħaġa li taffetwana lkoll, u matul din il-ġimgħa qed inżidu aktar l-għarfien dwar x’jista’ jsir u biex nindirizzaw l-impatt tat-tibdil tal-klima fuq il-wirt kulturali,” żied jgħid il-ministru.
L-esebizzjoni tagħmel parti mill-attivitajiet organizzati mir-Rappreżentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta flimkien ma’ rappreżentanti diplomatiċi minn Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, l-Olanda, Spanja, u r-Renju Unit u l-Bord ta’ Azzjoni dwar il-Klima. L-avveniment tat-tnedija inkluda wkoll il-film ‘Kakota’, li hu dwar l-istorja ta’ abitanti ta’ gżira żgħira fl-Afrika tal-Lvant li jgħixu l-bidla fil-klima u li issa b’mod innovattiv irnexxielhom jadattaw għall-klima li qed tisħon filwaqt li għamlu riforestazzjoni fil-gżira tagħhom. Il-film ġie segwit minn diskussjoni mmoderata mill-Professur Simone Borg, l-Ambaxxatur għal Malta dwar it-Tibdil fil-Klima.
L-għan tal-Ġimgħa għad-Diplomazija dwar il-Klima hu li jitrawmu d-djalogu u l-koperazzjoni dwar il-bidla fil-klima u li turi stejjer ta’ suċċess u tispira aktar azzjoni. Matul din il-ġimgħa, delegazzjonijiet tal-UE u ambaxxati madwar id-dinja jorganizzaw avvenimenti differenti li jinkludu konferenzi, dibattiti, esebizzjonijiet, wiri ta’ film u aktar attivitajiet li jilħqu n-nies, b’mod li jġibu flimkien bosta partijiet interessati u komunitajiet.
L-esebizzjoni tar-ritratti se tintwera fil-Kavallier ta’ San Ġakbu bejn l-10 u l-20 ta’ Ottubru 2019.
Comentários