top of page

TWETTQET RIFORMA LI FORSI MA NAFUX KEMM HI KBIRA

Kitba meħuda mill-Orizzont (It-Tnejn 23 ta’ Jannar 2023) paġna numru 12



Minn hawn u ftit tal-jiem oħra se nagħlqu xahar minn mindu ddaħlet fis-seħħ skeda waħda nazzjonali għall-ġbir ta’ l-iskart fejn għal kull raħal jew belt f’Malta u Għawdex kollha issa hemm uniformità sħiħa. Din hi riforma importanti li forsi għadna ma nafux kemm hi kbira. Ir-riżultati diġà qed jidhru pożittivi: qed jinġabar iktar skart organiku, inqas skart imħallat u dan kollu b’inqas traġitti u allura inqas traffiku u inqas tniġġiż.


Żgur li issa għandna skeda waħda nazzjonali, apparti iktar konvenjenza għaċ-ċittadini, hemm ukoll iktar konvjenza għall-awtoritajiet marbuta mal-immaniġġjar tal-iskart. Kemm iċ-ċittadini u kemm l-awtoritajiet tal-immaniġġjar tal-iskart ġiet ġustament iffaċilitata ħajjithom biex ngħidu hekk bl-effett aħħari jkun li fejn jidħol l-immaniġġjar tal-iskart pajjiżna jkun jista’ jagħmel il-passi ‘l quddiem. Kienet evidenti l-ħidma sfiqa li saret mill-Ministru u Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Gvern Lokali – Owen Bonnici u Alison Zerafa Civelli rispettivament. Mhijiex ċajta li timmaniġġja t-twaqqif ta’ 70 kuntratt tal-ġbir tal-iskart fuq livell lokali ma’ tant u tant Kunsilli ta’ kull twemmin politiku u wisq inqas li b’mod spedit u effiċjenti jingħataw it-tenders lil 6 kuntratturi ġodda, wieħed għal kull Reġjun fil-ħin u bla dewmien.


Nistgħu ngħidu illi li kieku ma nbidlitx l-iskeda u issa sar hemm skeda waħda nazzjonali qas konna nindunaw li nbidlu l-kuntratturi tal-ġbir tal-iskart u anke jekk kollha bdew flimkien fl-istess ġurnata, kollox mexa tajjeb u bla ebda skossi u bla ebda kontroversji. Niftakru episodji fejn kien hemm tibdiliet li, għad li kienu ferm iżgħar minn din, ikkawżaw ħafna kontroversji. F’dan il-każ nistgħu ngħidu li l-proċess, diffiċli kemm kien diffiċli, mexa ħarir.


Huwa evidenti wkoll li matul il-proċess kollu kien hemm konsultazzjonijiet mal-entitajiet li jirrappreżentaw il-Kunsilli Lokali u r-Reġjuni, tant li l-President tal-Assoċjazzjoni għall-Kunsilli Lokali Mario Fava tkellem diversi drabi favur din ir-riforma u favur il-ħidma li qed iwettaq il-Gvern.


Naturalment dan hu biss l-ewwel pass u fadal ħafna x’isir. Iċ-ċittadin għandu jobdi iktar u mhux biss joħroġ il-borża t-tajba fil-ġurnata t-tajba imma iktar importanti minn hekk jitgħallem ma jużax il-borża s-sewda li fil-verità qas fadal iktar bżonnha tneħħi għal min forsi jrid jiddisponi mill-ħrieqi jew skart ieħor bħalma hu ngħidu aħna ħmieġ ta’ annimali domestiċi.


Il-kuntratturi għandhom ikunu dixxiplinati u jiġbru l-iskart fil-ħin, mhux kmieni żżejjed jew tard iżżejjed, u jużaw tagħmir li ma jniġġisx. Min-naħa tagħhom ir-Reġjuni għandhom jaraw li jikkomunikaw mal-pubbliku kontinwament, iwieġbu għal xi lmenti li jista’ jkun hemm fil-ħin u anke billi jekk hemm bżonn jinvestu fit-teknoloġiji li jeżistu. Iridu wkoll jaraw li jingħataw is-servizzi tal-ġbir tal-iskart mhux biss muniċipali imma dak iġġenerat minn għaqdiet soċjali fil-lokalitajiet rispettivi u postijiet oħra bħal skejjel, każini u ċimiterji u knejjes.


Nemmnu wkoll li d-Diviżjoni tal-Manutenzjoni u t-Tindif qed tagħmel xogħol siewi biex jgħin f’din it-tranżizzjoni fejn setgħu kien hemm xi nuqqasijiet żgħar tal-bidu jew inkella fejn bniedem ħareġ borża b’oħra. Fl-aħħarnett, il-poplu jrid jifhem li l-immaniġġjar tal-iskart hu proġett nazzjonali. Qatt mhu biżżejjed biex nedukaw lill-pubbliku, speċjalment lill-barranin fostna u anke lit-tfal.


Issa li l-perjodu li wieħed jidra s-sistema l-ġdida għadda u l-miri intlaħqu, nemmnu li l-entitajiet regolatorji f’pajjiżna għandhom jibdew jinforzaw din l-iskeda nazzjonali l-ġdida, partikolarment f’postijiet fejn xi nies għadhom jaħsbu li jistgħu jagħmlu li jridu.


Veru li s’issa l-proġett kien suċċess imma dan għandu jkompli jinċentiva lill-Gvern biex iwettaq iktar u iktar dixxiplina f’dan is-settur u serjetà.




コメント


bottom of page