F’konferenza tal-aħbarijiet tħabbar li URNA huwa l-proġett magħżul li se jirrappreżenta lil Malta fil-London Design Biennale 2025. It-tema tal-proġett URNA huwa s-suġġett topiku tal-kremazzjoni, bil-proġett jimmaġina ritwal ġdid bl-użu tal-pajsaġġ lokali u teknoloġiji innovattivi u se tinkludi wkoll il-ġebla tal-franka rikostitwita.
Il-Kunsill Malti għall-Arti huwa responsabbli mill-parteċipazzjoni fil-Biennale tad-Disinn ta’ Londra fl-2025. Il-Biennale tad-Disinn ta’ Londra, li ssir f’Somerset House, hija wirja internazzjonali li fiha tispikka l-innovazzjoni u l-kreattività tad-disinn bil-parteċipazzjoni ta’ diversi pajjiżi minn madwar id-dinja. Il-Padiljun ta’ Malta se jiġi esibit f’Somerset House mill-5 sad-29 ta’ Ġunju 2025.
It-tim wara l-proġett URNA, li huwa magħmul minn artisti, disinjaturi, kuraturi, periti u diretturi tal-arti, huma Andrew Borg Wirth, Anthony Bonnici, Matthew Attard Navarro, Tanil Raif, Anne Immelé, Stephanie Sant u Thomas Mifsud.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal li URNA huwa proġett ekoloġikament sostenibbli, li jesebixxi wieħed mill-aktar riżorsi prezzjużi tal-pajjiż, il-ġebla tal-franka. Il-Ministru Bonnici qal li dan il-proġett jadatta ruħu għal kulturi, pajsaġġi u materjali differenti biex wieħed jimmaġina ritwali kompletament differenti, f’postijiet differenti, mibnija fuq l-istess pedament. Huwa afferma mill-ġdid l-impenn tal-gvern li jkompli jippromwovi t-talent lokali barra minn xtutna.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, Albert Marshall, qal li l-arti tista’ tkun mezz b’saħħtu biżżejjed biex tqajjem kuxjenza dwar kwistjonijiet soċjali. Qal li l-Kunsill huwa konxju mill-benefiċċji għall-artisti lokali li l-parteċipazzjoni ta’ Malta f’Biennale bħal din tista’ ġġib magħha. Huwa awgura lit-tim URNA.
Il-Perit Andrew Borg Wirth, membru tat-tim URNA, qal li URNA qed tipproponi narrattiva ta’ disinn monumentali li tistieden lill-udjenza biex taħseb mill-ġdid ir-ritwali madwar id-dispożizzjoni tal-ġisem. Ġie spjegat ukoll li għall-proġett, it-tim qed jiġi appoġġjat mill-isponsor ewlieni Halmann Vella, fejn qed juża materjal tal-ġebel rikostitwit bl-użu ta’ trab tal-franka minn Malta. B’dan il-mod it-tim qed jgħaqqad l-avvanz teknoloġiku kontemporanju u se jkun qed juri riċerka fil-pajsaġġi tal-franka u l-postijiet tad-dfin minn madwar il-Mediterran.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp ta’ Halmann Vella Group, Kevin Rapinett, qal, “Fis-70 anniversarju tal-Halmann Vella Group kburin li qegħdin nappoġġjaw lit-tim fil-Biennale tad-Disinn ta’ Londra. L-involviment tagħna tmur lil hinn mill-appoġġ lit-tim, hekk kif b’din l-inizjattiva qed nippromwovu l-kreattività, it-trawwim tal-kollaborazzjoni, u huwa xhieda tal-impenn tagħna lejn is-sostenibbiltà billi qed nipprovdu l-ġebel rikostitwit tagħna stess għall-installazzjoni.”
コメント