top of page

Valeriana The Titan’s Rock: opra f’erba’ atti tal-mibki kompożitur Għawdxi Mro. Joseph Vella



 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u l-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri nedew il-produzzjoni Valeriana The Titan’s Rock (Opus 155), li hi opra f’erba’ atti frott it-talent tal-mibki kompożitur Għawdxi, il-Maestro Joseph Vella, ibbażata fuq librett rebbieħ ta’ Vincent Vella.

 

L-opra ġiet kompluta minn Mro. Christopher Muscat wara t-telfa tal-Mro Vella, li kien student tal-kompożizzjoni tiegħu.

 

L-opra se tittella’ fl-4 ta’ Mejju 2024 fit-Teatru Astra bil-parteċipazzjoni tal-Orkestra Nazzjonali, taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Muscat, li qed tikkoinċidi wkoll mal-okkażjoni tal-Maltabiennale.art 2024.

 

Il-Ministru Bonnici saħaq li hu importanti ħafna li xogħlijiet ta’ kompożituri Maltin – f’dan il-każ tal-Mro. Joseph Vella – jingħataw l-opportunità li jitgawdew f’pajjiżna stess. Din l-importanza tikber meta hawnhekk qed naraw li x-xogħol li se jittella’ huwa opra.  “Huwa b’dan il-mod li nkomplu niċċelebraw il-ħiliet mużikali tagħna l-Maltin u l-Għawdxin stess u nsaħħu l-identità tagħna bħala pajjiż”, qal il-Ministru Owen Bonnici filwaqt li saħaq li flimkien mal-kompożitur ser jingħata ġieħ lill-Mro. Muscat li għamel xogħol kruċjali sabiex setgħu jaslu għal dan il-proġett.

 

Il-Ministru Bonnici rringrazzja wkoll lit-Teatru Astra għall-kontribut kbir li tagħti favur il-ħarsien u l-promozzjoni tat-talent mużikali lokali u t-tim kollu wara l-produzzjoni ta’ dan il-proġett.

 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri wera s-sodisfazzjon tiegħu li din l-opra se tittella’ f’Għawdex filwaqt li qal li, “Kulma jmur l-opra qed issir sinonima ma’ Għawdex u tattira għadd ta’ viżitaturi lokali u barranin. Bħala Ministeru għal Għawdex kommessi li nkomplu nagħtu s-sostenn li jkun meħtieġ sabiex jittellgħu avvenimenti bħal dawn li jkomplu jgħollu l-livell f’Għawdex u jagħtu importanza lill-wirt tagħna”. Huwa ngħaqad mal-Ministru Bonnici u rringrazzja lil kull min ta sehmu sabiex dan l-avveniment seta’ jkun possibbli.

 

Tkellem ukoll iċ-Chairperson ta’ Festivals Malta Aaron Zahra li faħħar lit-tim kreattiv li hemm wara din il-produzzjoni. “It-tim kreattiv għal din l-opra jinkludi wħud mill-aqwa ismijiet fid-dinja artistika, bħal Denise Mulholland, li se tkun qed tidderieġi l-opra, Luke Azzopardi, id-disinjatur tal-kostumi, u Anthony Ebejer Bonnici, li se jkun qed jiddisinja s-sett. Din il-produzzjoni tinkludi talenti lokali u internazzjonali, bis-sehem ta’ Miriam Cauchi bħala Teresa, Andrés Moreno Garcia bħala Rosario, Louis Andrew Cassar bħala Cirillo u Illyas Sultana bħala Nello fost oħrajn”.

 

Din l-opra se tkun il-qofol ta’ proġett ta’ tliet snin ikkordinat minn Festivals Malta li tnieda fl-2020, b’enfasi fuq id-diġitizzazzjoni u l-qawmien mill-ġdid ta’ diversi xogħlijiet ta’ kompożituri Maltin, li jibdew minn kapulavuri tal-Mro. Joseph Vella. Dawn ix-xogħlijiet kienu jinkludu ‘Rewwixta’ u ‘Belt Rebbieħa’, li t-tnejn li huma ttellgħu fl-2021 bħala parti mit-Three Palaces Festival, festival organizzat ukoll minn Festivals Malta.

 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius qal li, “Bħala l-aġenzija nazzjonali ddedikata għat-trawwim u t-tkabbir ta’ festivals u avvenimenti kulturali f’Malta u f’Għawdex, Festivals Malta hija impenjata li tippreserva l-wirt nazzjonali Malti u huwa d-dmir tagħha li tonora lill-kompożituri Maltin, sabiex dan il-wirt jingħata l-importanza u l-prominenza li jixraqlu”.

 

Is-Sur Nicholas Vella, iben il-mibki Maestro Vella, esprima li, “Hu b’sodisfazzjon u kburija kbira li qegħdin niċċelebraw din l-okkażjoni mill-isbaħ; l-aħħar xogħol mużikali tal-Maestro Joseph Vella, l-opra ‘Valeriana’ (Opus 155), li issa se tittella’ b’kollaborazzjoni ma’ Festivals Malta sitt snin wara l-mewt tiegħu. Ix-xena mużikali Maltija żgur li se tkompli tiżżewwaq b’dan ix-xogħol ġdid”.



 



 

Comments


bottom of page