Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici, is-Segretarju Parlamentari Għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali, u ċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef, żaru x-xogħlijiet li qed isiru fil-binja tal-Valletta Design Cluster (VDC). Dan huwa proġett tal-legat ta’ Valletta 2018 u tal-ewwel tip tiegħu lokalment, li se jkollu spazji dedikati għal NGOs u individwi li jaħdmu fis-settur kulturali u kreattiv ibbażati ġewwa Malta.
Dan il-proġett hu ppjanat li se jiġi jiswa’ €9.3miljun u hu parzjalment iffinanzjat minn fondi Ewropej.
Il-Ministru Bonnici stqarr li, “il-kunċett tal-VDC inħoloq biex jittejjeb l-ambjent urban għar-residenti tal-Belt Valletta u biex iservi bħala pjattaforma soda għall-operaturi fix-xena kulturali u kreattiva Maltija. Dan il-proġett iservi bħala eżempju ewlieni ieħor tal-importanza li għandhom il-kultura u l-arti, u kif bħala gvern aħna qegħdin naħdmu biex nagħmlu dan is-settur li kulma jmur qiegħed jikber, dejjem aktar aċċessibbli għal kulħadd.”
Apparti spazji dedikati għal komunità u l-NGOs, il-Valletta Design Cluster (VDC), li jinsab fis-sit tal-Biċċerija l-Antika tal-Belt Valletta, se jinfetaħ roof garden tal-ewwel tip tiegħu fuq il-bejt tal-binja li se jkun miftuħ għar-residenti u viżitaturi u jkun aċċessibbli permezz ta’ lift speċifiku b’aċċess mit-triq. L-inizjattiva se toħloq spazju aħdar ieħor f’belt urbana bħalma hi l-Belt Valletta fil-qalba taż-zona residenzjali tan-naħa t’isfel tal-Belt. Il-ġnien qed jiġi ddisinjat minn Tetsuo Kondo Architects mill-Ġappun, b’kollaborazzjoni mal-Fakultà tal-Ambjent Mibni tal-Università ta’ Malta.
Il-VDC se jinkorpora spazji differenti li se jikontribwixxu għall-iżvilupp ta’ hub ta’ attività kreattiva. L-ispazji se jkunu armati b’għodda u tagħmir tal-fabrikazzjoni diġitali, spazju komunali fejn studenti u individwi fis-settur kulturali jkunu jistgħu jaħdmu, spazju għall-ikel, diversi swali għal laqgħat u konferenzi, kif ukoll ħmistax-il studjo għal xogħol fit-tul ma’ kollettivi u organizzazzjonijiet li se jkunu qed joperaw ġewwa l-VDC. Dawn se jkunu organizzazzjonijiet li jridu joħolqu jew jiżviluppaw proġetti kreattivi u kulturali għal komunità relatati mad-disinn bħala soluzzjoni għal diversi problemi.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Socjali Aaron Farrugia qal li lil hinn mill-kunċett soċjali u kulturali, proġetti bħal dawn għandom aspett kummerċjali. “In-naħa ta’ fuq tal-Belt Valletta qed naraw attività kummerċjali tikber kuljum u bla preċedent. In-naħa t’isfel ftit inqas. L-irwol ta’ gvern huwa li jservi ta’ pjattaforma għal stimulu ekonomiku u finanzjarju f’inħawi bħal dawn. Dan il-proġett huwa ffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, iżda l-fondi Ewropej mhux se jieqfu mal-infrastruttura. Jien inħares ’il quddiem li l-benefiċjarji li se jgawdu minn dan il-post se jiġu għandna għall-iktar fondi, bħal dawk għall-istart-ups, SME growth, diversification, Erasmus+, u oħrajn li se jkomplu jgħinu l-izvilupp kreattiv u imprenditorjali ta’ ħafna nies f’pajjiżna.”
Is-Segretarju Parlamentari temm jgħid li peress li dan huwa proġett iffinanzjat minn fondi Ewropej, hemm regolamenti ċari ħafna li jirrikjedu li l-proġett jitlesta fil-ħin u skont il-baġit.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal, “Dan hu legat ta’ Valletta 2018 li se jkun qed ikompli jitmexxa mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.”
Il-VDC hu spazju komunitarju għall-prattika kulturali u kreattiva li tappoġġja u tippromwovi id-disinn bħala katalista għall-innovazzjoni, kif ukoll approċċ multidixxiplinarju li se joħloq impatt pożittiv għal komunitajiet u individwi differenti. Il-kontributuri essenzjali għal dan l-isforz kbir ta’ riġenerazzjoni huma r-residenti Beltin u l-komunitajiet tal-madwar flimkien ma’ professjonisti li huma intiżi fuq disinn fis-settur kulturali u kreattiv.
Ix-xogħlijiet ta’ restawr fil-biċċerija bdew fl-2017 wara proċess ta’ tliet snin ta’ impenn komunitarju fl-iżvilupp tal-kunċett u l-analiżi tal-bżonnijiet tas-settur, flimkien ma’ komunikazzjoni ma’ diversi komunitajiet ġewwa l-Belt Valletta li huma l-punt ta’ bejn il-passat u l-futur tal-Belt.
L-għan strateġiku tal-proġett hu li jikkontribwixxi għar-riġenerazzjoni urbana li qed jaħdem fuqu l-gvern fiz-żona tal-Belt Valletta li tagħmel mal-Port ta’ Marsamxett. Dan il-proċess ta’ riġenerazzjoni qed isir biex itejjeb l-istandard soċjali, kulturali u ekonomiku permezz ta’ investiment f’infrastruttura kulturali aħjar li se jiġġenera spazji ġodda għall-komunità biex in-nies jkunu jistgħu jinteraġixxu flimkien, kif ukoll attività ekonomika u impjieg.
Link għall-filmat: https://we.tl/t-NRekEKtzP0
Comments