top of page

Wara l-COVID-19: Lejn Strateġija tan-nies f’pajjiż li huwa ta’ kulħadd



Il-fatt li qegħdin f'pożizzjoni ekonomika ta’ saħħa ma jfissirx li m'għadnniex inħarrsu lejn għada. Anzi rridu minn issa nkabbru l-opportunitajiet u nsibu s-soluzzjonijiet għall-isfidi li għad iridu jitwieldu.


Il-Pandemija tal-COVID-19 hija bla dubju ta’ xejn xi ħaġa li laqtet il-ħajja tagħna mill-viċin. Mhux talli ikkawżat tħassib ta’ saħħa, tħassib ekonomiku u anke tħassib soċjali iżda biddlet il-mod ta’ kif konna qed ngħixu l-ħajja tagħna bħala nazzjon. Ftit tal-jiem ilu l-Gvern, permezz tal-Ministru għar-Riċerka, Innovazzjoni u Strateġija għal wara l-COVID-19 Dr Owen Bonnici, nieda konsultazzjoni pubblika dwar l-oqsma tematiċi li se jkunu l-bażi tal-istrateġija nazzjonali għal wara l-pandemija.


Ridna nkunu nafu iktar dwar din il-ħidma u għalhekk iltqajna ma’ Dr Owen Bonnici biex nifhmu aħjar x’qed isir u fejn se mmorru bħala pajjiż.


Saqsejnieh x’seħħ eżattament ftit tal-jiem ilu bit-tnedija tal-konsultazzjoni dwar l-oqsma tematiċi li se jkunu l-bażi tal-iStrateġija.


“Qabelxejn,” qalilna l-Ministru Bonnici, “irrid mill-ewwel insellem lill-grupp ta’ esperti, immexxi mill-Professur Simone Borg, li qed jaghmlu xogħol kbir, ħafna drabi mingħajr daqq ta’ trombi, dwar din l-istrateġija.”


Dr Bonnici spjega li l-grupp ta’ esperti jiġbor fih nies validi mmens li ġejjin minn diversi setturi- mhux biss dawk ekonomiċi imma anke soċjali. “Il-Professur Borg fiha nnifisha,” qal il-Ministru Bonnici, “hija persuna bi kredenzjali b’saħħithom immens u li tgawdi rispett mingħand firxa wiesgħa ta’ persuni fis-soċjeta’ tagħna.”


Dr Bonnici qal li minn mindu twaqqaf il-grupp ta’ esperti f’nofs Jannar li għadda sa issa, dawn l-esperti ħadu sehem f’iktar minn tletin laqgħa ta’ konsultazzjoni, apparti minn bosta laqgħat oħra interni u oħrajn informali.


“Minn dawn il-laqgħat ħareġ ċar,” qal Dr Bonnici, “liema huma d-domandi l-iktar importanti li pajjiżna għandu quddiemu aħna u nħarsu ‘l quddiem għall-perjodu ta’ wara l-pandemija.”


Il-Ministru Bonnici spjega li l-grupp ta’ esperti mmexxi mill-Professur Borg identifika tliet domandi ewlenin: waħda li tirrigwardja l-kwalita’ tal-ħajja u l-benesseri, it-tieni li titratta r-rilanċ ekonomiku u l-ħarsien tal-impiegi u t-tielet li jirrigwardja l-kompetittivita’ u r-reżiljenza.


Imbagħad, qal Dr Bonnici, il-grupp ta’ esperti frott il-konsultazzjoni u riċerka li wettqu, identifikaw erba’ oqsma tematici għal kull domanda, jiġifieri tnax b’kollox, li fil-fehma tagħhom huma l-fondament għall-istrateġija post-pandemija li qed titfassal.


Il-Ministru Bonnici spjega li l-Gvern ma riedx li dawn l-oqsma tematiċi jkunu ġejjin minn esperti li jiddeċiedu weħidhom imma ried li jpoġġiehom għall-konsultazzjoni pubblika biex in-nies jgħidu tagħhom u jagħtu l-veduti tagħhom kemm dwar l-oqsma tematiċi nfushom, kemm punti oħrajn li jixtiequ jqanqlu u anke dwar inizjattivi li jħossu li għandhom jittieħdu abbażi ta’ dawn l-oqsma tematiċi.


“Aħna rridu,” qal il-Ministru Bonnici, “li din tkun strategija min-nies għan-nies, li l-poplu jħossu sid tagħha u li kkontribwixxa fiha.” Huwa qal li Malta hija ta’ kulħadd u għalhekk kulħadd għandu jkollu l-opportunita’ li jitkellem dwar x’jaħseb li għandhom ikunu l-pedamenti ta’ Malta ta’ għada.


Staqsejna lill-Ministru Bonnici għaliex jemmen fil-bżonn ta’ strateġija ġaladarba hemm kunsens sħiħ li l-Gvern mexa tajjeb haf=na fil-mod ta’ kif ħa ħsieb is-saħħa u l-impiegi f’din il-pandemija.


“Bla dubju xejn, il-Prim Ministru Robert Abela għandu mertu kbir għad-deċiżjonijiet li ħa biex jipproteġi s-saħħa tan-nies u l-impiegi tan-nies,” qal Dr Bonnici. Huwa sostna li m’huwiex b’kumbinazzjoni li pajjiżna hu wieħed minn tliet pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li matul is-sena li għaddiet l-impiegi mhux naqsu imma żdiedu.


“L-istituzzjonijiet internazzjonali kollha qed ibassru li pajjiżna se jkun minn ta’ quddiemnett biex jirkupra mid-daqqa tal-COVID-19 u dan verament jimlina bil-kuraġġ biex inħarsu lejn il-futur b’ottimiżmu,” sostna l-Ministru Bonnici.


Dr Bonnici qal li dan hu wkoll Gvern li dejjem irid ibiddel, itejjeb u jirriforma. “Aħna kommessi li mmexxu ‘l quddiem il-bidla f’pajjiżna u verament nemmen li aħna l-ikbar aġent tal-bidla f’Malta,” spjega Dr Bonnici. Huwa elenka numru ta’ eżempji ta’ riformi li seħħew f’diversi setturi li juru kemm dan hu Gvern li dejjem irid ibiddel u jtejjeb l-affarijiet.


Dan kollu juri li aħna qegħdin inħarsu lejn il-perjodu ta’ wara l-pandemija minn pożizzjoni b’saħħitha. Il-fatt, pero’, li qegħdin f’pożizzjoni ta’ saħħa ma jfissirx li dan għandu jżommna lura milli nkomplu noħolmu, nħarsu lejn għada u nantiċipaw l-isfidi tal-futur.


“Anzi,” qal Dr Bonnici, “għandna nużaw il-pożizzjoni ta’ saħħa li ninsabu fiha biex inħarsu lejn għada u nipprovaw minn issa nsibu s-soluzzjonijiet għall-isfidi li għad iridu jitwieldu.”


Huwa sostna li l-għaqal tal-Gvern hu li minn issa jagħġen il-Malta li uliedna se jikbru fiha. “Il-pandemija, bid-disruptions kbar li ġabet magħha, ittina opportunita’ tad-deheb li nsaħhu dak li hu tajjeb u ntejbu dak li forsi rridu bħala pajjiż nammeljoraw.”

Hu għalhekk, qal il-Ministru Bonnici li hu importanti li l-pubbliku in ġenerali jipparteċipa fil-proċess ta’ konsultazzjoni billi jidħol fis-sit www.konsultazzjoni.gov.mt u jimla l-formola relattiva. Hu kruċjali, qal Dr Bonnici li l-istrateġija tkun waħda li tiġi min-nies għan-nies.


Dr Bonnici spjega li l-perjodu ta’ konsultazzjoni jintemm fl-aħħar ta’ Mejju li ġej sabiex imbagħad fl-aħħar ta’ Ġunju tiġi ppubblikata l-istrateġija nnifisha.


Il-Ministru Bonnici qal li din l-istrateġija se tkun dokument ta’ viżjoni, ta’ kappa sħiħa orizzontali li taħthom jitwieldu, b’mod ko-ordinat, strategiji oħra vertifikali skont id-diversi setturi.


“Strateġija m’hijiex action plan. Strateġija hi usa’ minn hekk. Hi dokument ta’ viżjoni li f’dan il-każ se jħares lejn l-oqsma kollha ta’ pajjiżna fi żmien daqshekk storiku li jsegwi pandemija li biddlet il-perkors ta’ l-affarijiet kif konna nafuhom sa issa.


Dr Bonnici temm jirringrazzja lil dawk kollha li ħadmu u se jkomplu jaħdmu sabiex pajjiżna jkollu strateġija b’saħħitha li finalment tagħmel id-differenza fil-ħajja tal-familji u negozji Maltin u Għawdxin.



Comments


bottom of page