Kitba meħuda mill-Orizzont(L-Erbgħa 30 ta’ Novembru 2022) paġna numru 8.
L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, inawgura l-wirja artistika “It’s all Paperwork” tal-iskultur Antoine Farrugia.
F’diskors tal-okkażjoni, l-Ispeaker faħħar il-ħila artistika ta’ Antoine Farrugia li bħala skultur jagħti, f’dan il-każ, sura ġdida lil dik li qabel kienet blata jew ġebla. Din issir opra artistika, li għalkemm mingħajr użu partikolari lil persuna, wieħed jilmaħ id-delikatezza u l-irfinar tal-artist u twassal biex aħna nappreżżaw fid-deher, “...il-ħlewwa, is-saf, it-tjubija, l-innoċenza, ir-rażan, valuri importanti għalina l-bnedmin.” Dik li kienet blata u m’għadhiex, f’għajnejn l-artist tikseb valur u fl-istess waqt tama ġdida għal ħajja umana aħjar.
L-Ispeaker saħaq li mhux kull tibdil fil-ħajja tal-bniedem jwassal biex tisseddaq l-armonija, is-sliem u l-paċi fost il-bnedmin. Hawn għamel referenza għall-andament tal-gwerra fl-Ukrajna u tant kunflitti oħra fid-dinja u staqsa għaliex dan qed iseħħ, għaliex tant vjolenza, u x’qed nagħmlu biex tinkiseb il-paċi b’ġustizzja. L-Ispeaker kompla billi qal li minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna, għandna nibqgħu nippersisitu favur il-ġustizzja, ir-rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem, il-prinċipji ta’ demokrazija parlamentari rappreżentattiva, id-dinjità tal-persuna, is-solidarjetà umana, is-sliem u l-paċi, filwaqt li kkritika l-qawwiet il-kbar li ta’ spiss ikasbru d-dritt internazzjonali u minn fuq jippretendu li ma jittieħdux azzjonijiet u sanzjonijiet kontrihom.
F’din l-okkażjoni, taw is-sehem tagħhom l-MP Julie Zahra, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura u Joyce Dimech, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali. Il-pubbliku hu mistieden li jżur din il-wirja fil-Parlament ta’ Malta sal-Ħadd, 11 ta’ Diċembru 2022, matul il-ġimgħa, bjen id-09.00 a.m. u l-5.00 p.m., matul is-Sibtijiet, Ħdud u festi pubbliċi, bejn id-9.00 a.m. u nofsinhar. Din il-wirja qed issir b’kollaborazzjoni mal-Valletta Cultural Agency (VCA).
Comments