top of page

Wirja li tixħet dawl fuq it-teknika u l-materjal ta’ fuħħar preistoriku

Kitba meħuda mill-Orizzont (Il-Ħamis 23 ta’ Ġunju 2022) paġna numru 8.



Fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija għadha kemm infetħet wirja li tippreżenta r-riżultati ta’ investigazzjoni xjentifika dwar il-materjali u t-teknika li kienu jintużaw biex isir il-fuħħar matul il-preistorja Maltija.


L-investigazzjoni saret bħala parti mill-proġett ‘Maltapot’, li kellu l-għan li jixħet aktar dawl fuq kif it-teknika kienet tgħaddi mill-gżejjer Maltin għal pajjiżi barranin u viċi-versa fil-fażijiet ta’ Għar Dalam, Skorba u Żebbuġ tal-preistorja Maltija. Ir-riċerka saret mid-Dipartiment tal-Klassiċi u l-Arkeoloġija fil-Fakulta tal-Arti fl -Universita` ta’ Malta, bl-appoġġ tal-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija u l-programm Horizon 2020 għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea, skont il-Marie Sklodowska-Curie Grant Agreement.


Fost l-għanijiet tal-proġett kien hemm dak li tiġi determinata n-natura tal-materjali użati fil-fuħħar tal-preistorja Maltija, kif ukoll li jiġi identifikat is-sors, biex tiġi mwieġba l-mistoqsija Ir-reċipjenti minn dan il-perjodu tal-preistorja Maltija saru f’Malta stess, jew inġiebu hawn mill-immigranti li ġew joqogħdu f’din il-gżira. Ir-riċerkaturi użaw diversi metodi analitiċi biex isibu t-tweġibiet għal din il-mistoqsija.


Il-wirja, li se tibqa’ għaddejja sal-aħħar ta’ Awwissu, ġiet inawgurata mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici. Il-Ministru Bonnici sostna li dawn it-tip ta’ esebizzjonijiet iwettqu waħda mill-għanijiet prinċipali tal-Aġenzija: dak li tintepreta l-istorja ta’ pajjiżna u tikkomunikaha mal-viżitaturi, kemm lokali u kemm barranin. “B’mod speċjali,’’ qal Bonnici, “il-perjodu preistoriku jattira interess kbir għal dawk kollha li jkunu fostna.’’


Iċ-Chairman ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar, kellu kliem ta’ tifħir għal kollaborazzjonijiet ta’ riċerka bħal din, għax iħaffru fil-fond ta’ żminijiet imbiegħda biex isibu tweġibiet għal mistoqsijiet li huma importanti biex nifhmu aħjar lill-ewwel komunitajiet li għexu f’dawn il-gżejjer. Dawn it-tweġibiet jixħtu dawl fuq networks usa’ li Malta kienet tagħmel parti minnhom lil hinn minn xtutna fil-preistorja.

Huwa żied jgħid li l-fuħħar jagħtina rabta tanġibbli mal-popli preistoriċi li għexu fi gżiritna. Il-wirja ‘Maltapot’ timxi pass ieħor ’il quddiem, billi tipprovdi tagħrif xjentifiku dwar il-kompożizzjoni kimika tar-reċipjenti tal-fuħħar li kienu jintużaw eluf ta’ snin ilu, fejn kellhom sehem kruċjali l-qawwa tan-nar, il-kwalita` tat-tafal u t-teknika tat-temprament.

Din il-wirja tabilħaqq turina r-riżultati affaxxinanti ta’ meta l-arkeoloġija, l-antropoloġija u x-xjenza jingħaqdu flimkien biex jilħqu l-għan komuni tagħhom li jsibu tweġibiet għall-mistoqsijiet li ilhom isiru sekli sħaħ.

Comments


bottom of page