top of page

Wirja minn studenti bbażata fuq il-Padiljun Malti għall-Bjennali ta’ Venezja 2019

Being Calypso – Being Ulysses – wirja minn studenti bbażata fuq il-Padiljun Malti għall-Bjennali ta’ Venezja 2019




Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici għadu kif inawgura wirja fil-Junior College li ttellgħet minn studenti bħala riżultat ta’ workshops kreattivi fuq OUTLAND, l-installazzjoni ta’ Vince Briffa għall-58 edizzjoni tal-Bjennali tal-Arti ta’ Venezja. Il-workshops ħarsu lejn l-installazzjoni tal-film u kif din tirrelata mal-manifestazzjoni żagħżugħa ta’ mħabba ossessiva u xewqa bħala punt ta’ tluq għad-diskussjoni. Il-workshop segwa l-metodoloġija introspettiva bħala proċess biex tinħoloq l-arti.


Il-Ministru Owen Bonnici qal li “din tifforma parti mill-istrateġja tagħna biex il-kultura u l-arti jintlaħqu minn aktar nies fis-sojċetajiet tagħna minn età iżgħar. Permezz ta’ dan il-proġett, l-istudenti ffamiljarizzaw lilhom infusom mal-Padiljun Malti fil-Bjennali tal-Arti ta’ Venezja tal-2019 u jistgħu jaraw kif l-artisti jikkollaboraw meta jkun hemm spazju maqsum, filwaqt li jaraw ukoll l-importanza li jġorr miegħu r-rwol tal-kuratur fil-viżjoni u x-xogħol ta’ wirja.” Hu stqarr li dan il-Gvern se jkompli jaħdem lejn aktar inizjattivi li jgħinu fil-ħolqien ta’ firxa usa’ u għarfien fis-settur tal-kultura.



L-istudenti li attendew il-workshops li kienu maqsumin fi 3 partijiet ġew diretti biex jadattaw metodu introspettiv u riflettiv billi jħarsu ’l ġewwa, minflok lil hinn u jindirizzaw sfida jew ħsieb ta’ natura personali jew fihom infusom jew ta’ xi ħadd viċin tagħhom. Studenti li qegħdin jistudjaw l-arti ġew issieħbu ma’ dawk li qegħdin jistudjaw il-lingwa/letteratura u ġew inkoraġġuti biex jużaw it-tpinġija/kitba bħala għodda introspettiva fl-ewwel fażi tal-proġett biex joħolqu xogħol li jinsab bejn l-arti u l-ħsieb. Aktar xogħol ispirat mit-tħarbix inizjali ġie żviluppat bil-media magħżula mill-istudenti. Il-progress tal-istudenti kien qiegħed jiġi mmonitorat, u dawn irċevew feedback dwar xogħlhom mingħand Briffa kif ukoll mil-letturi rispettivi tagħhom.

L-aħħar parti tal-workshop kienet tinvolvi diskussjoni dwar il-wirja fil-Junior College fis-sala tal-wiri, kif ukoll f’partijiet oħra fuq il-kampus. Din il-wirja hija kkurata mill-istudenti nnifishom taħt it-tmexxija tal-artist u l-letturi u tinkludi wkoll il-progress kollu tax-xogħol li qiegħed jiġi esibit.

Ir-riżultati tat-tagħlim ta’ dan il-proġett huwa li ngħinu l-istudenti jifhmu l-metodoloġija użata meta wieħed jitratta sfidi tal-ħajja fil-prattika tal-arti kontemporanja, filwaqt li jesperjenza l-proċess tat-traduzzjoni minn kunċett, għal proġett u prodott. Waqt il-workshops, l-istudenti setgħu wkoll jifhmu d-dinamika ta’ kif taħdem f’tim u jifhmu l-importanza li tiddokumenta l-proċess kollu u tkun selettiv tax-xogħol li tippreżenta fil-pubbliku.


Dan il-proġett jinkludi wkoll katalogu tax-xogħol tal-istudenti li se jitnied fl-aħħar tal-wirja. Dan il-programm sar b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti li jaqa’ fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, bl-appoġġ ta’ Bank of Valletta plc.

Comments


bottom of page