Għaddejjin xogħlijiet ta’ restawr fuq il-ħitan storiċi li jinsabu tul passaġġ antik fuq iz-Zuntier tal-Bażilika ta’ San Pawl, ir-Rabat
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici żar xogħlijiet ta’ restawr li jinsabu għaddejjin fuq il-ħitan storiċi li jinsabu tul passaġġ antik fuq iz-Zuntier tal-Bażilika ta’ San Pawl, ir-Rabat. Ix-xogħlijiet bdew f’Ġunju 2022 u huwa maħsub li jitlestew sal-aħħar ta’ Lulju 2023.
Dan il-proġett hu wieħed mill-għaxar proġetti magħżula taħt l-Iskema tal-Kunsilli Lokali. Il-proġett kien propost mill-Kunsill Lokali tar-Rabat (Malta) u x-xogħlijiet kollha, inkluż d-dokumentazzjoni tas-sit, l-applikazzjoni tal-permess tal-Ippjanar u l-interventi kollha sussegwenti fuq is-sit saru mill-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr.
Il-Ministru Bonnici qal li dan ir-restawr ikompli jixhed id-determinazzjoni kontinwa tal-Gvern li jibqa' jippreserva l-wirt nazzjonali ta’ pajjiżna. Stqarr li l-Gvern se jkompli jimpenja ruħu biex postijiet bħal dawn, li jinsabu f’diversi lokalitajiet, ikomplu jħarsuhom u jindukrawhom. Il-Ministru Bonnici filwaqt li enfassiza l-impenn tal-Gvern li jkompli jinvesti biex isaħħaħ il-wirt patrimonjali Malti, rringrazzja lill-ħaddiema tax-xogħol tas-sengħa kbira li qed iwettqu.
Il-Perit Stephen Pulis, li kien inkarigat minn dawn ix-xogħlijiet, spjega x-xogħlijiet li qed isiru. Dawn jinkludu, fost oħrajn, tindif tal-ħitan storiċi minn ħmieġ sewdieni u depożiti superfiċjali oħra li akkumulaw maż-żmien, tikħil ta’ fili, tneħħija ta' graffiti, tikħil u kisi tas-siment, tindif u konsolidazzjoni tal-istatwi tal-ġebel, skulturi u l-motifi skolpiti illi tqiegħdu simettrikament fuq il-ħitan u saru mill-ġdid il-gastri u l-iskultura tal-ġebel ornamentali li kienu ntilfu maż-żmien.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku tar-Rabat Sandro Craus saħaq fuq l-importanza li jkomplu jaħdmu biex iġibu turiżmu reliġjuż fil-lokalità. “Dan il-post kien fi stat li se jintilef, imma bis-saħħa tax-xogħol li qed isir minn dawn il-ħaddiema, se nkunu nistgħu nerġgħu ngawduħ. Il-Kunsill ser ikun qed jinvesti wkoll f'dawl ġdid u kameras tas-sigurtà. Inħarsu 'l quddiem biex naraw dan ix-xogħol ta' restawr jitlesta u jiġi apprezzat mir-residenti," tenna s-Sur Craus.
Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll Membri tal-Kunsill Lokali tar-Rabat u l-Arċipriet Fr Joe Mizzi.
Comments