top of page

Xogħlijiet ta’ restawr li qed jagħtu ħajja ġdida lil Villa Frere




Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici żar ix-xogħlijiet ta’ restawr li għaddejjin f’Villa Frere u l-ġonna tagħha. Matul iż-żjara ġie mdawwar mal-post minn diversi uffiċjali ta’ Heritage Malta u minn membri tal-organizzazzjoni mhux governattiva Friends of Villa Frere.


F’dawn l-aħħar xhur, ix-xogħol ta’ restawr kien iffukat fuq il-Gardeners’ Cottage u Villa Hay li kienet waħda mill-binjiet li jinsabu fil-ġonna u li kienet tintuża bħala post ta’ rtir minn mart John Hookham Frere. Għaddej ukoll xogħol ta’ restawr u bini mill-ġdid ta’ ħajt li jifred lil Villa Frere minn proprjetà biswitha.


Il-Ministru Bonnici rringrazzja lill-Aġenzija Heritage Malta u lil Friends of Villa Frere għax-xogħol li qed jitwettaq biex b’hekk qed ikomplu jsaħħu il-wirt kulturali u l-istorja ta’ pajjiżna.


“Dan il-proġett ta’ restawr huwa ħolqa oħra minn ħidma sħiħa li twassal biex tingħata tifsira ġdida tal-aċċessibbiltà għall-patrimonju tagħna,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.


Villa Frere nbniet f’Tal-Pietà fil-bidu tas-seklu 19 u kienet ir-residenza ta’ John Hookham Frere, Ingliż li kien diplomatiku, poeta, akkademiku u filantropu. Wara l-mewt ta’ martu fl-1831, fuq in-naħa ta’ wara tal-villa huwa bena ġonna mtarrġa, minn fejn seta’ jgawdi l-veduta mill-Imdina sal-Belt u seta’ jara wkoll iċ-ċimiterju fl-Imsida fejn kienet midfuna martu.


Fost il-persuni distinti li żaru l-ġonna ta’ Villa Frere kien hemm ir-Reġina Marija tal-Ingilterra fl-1912 u r-Reġina Marie tar-Rumanija fl-1924. Il-ġmiel ta’ dan il-post wasslu biex fl-1930 il-pubblikazzjoni prestiġjuża Ingliża Country Life ppubblikat artiklu twil imżewwaq b’ritratti dwar Villa Frere u l-ġonna tagħha.

Illum, Heritage Malta hija s-sid uffiċjali ta’ din il-proprjetà, u permezz ta’ ftehim iffirmat fl-2019, l-Aġenzija għaddiet l-amministrazzjoni f’idejn Friends of Villa Frere filwaqt li qed tgħin direttament fil-ħarsien tal-post. Barra minn hekk, fl-2020 sar ukoll skedar ta’ Grad 1 għal Villa Frere u l-ġonna tagħha mill-Awtorità tal-Ippjanar. Dawn, flimkien mal-ftuħ tal-ġonna għall-pubbliku minn żmien għal ieħor, għenu biex jiżdied l-għarfien dwar l-importanza storika u kulturali ta’ Villa Frere.









Comments


bottom of page