Kitba meħuda mill-Orizzont ( L-Erbgħa 8 ta’ Frar 2023) paġna numru 20.
Is-sur li jinsab wara l-Knisja magħrufa bħala “Ta’ Liesse” fil-Belt Valletta, qed jiġi restawrat mid-Direttorat tar-Restawr. Dan is-sur, li hu spiss referut bħala l-“Marina Curtain”, jifforma parti minn ħajt oriġinali tal-Belt Valletta ddisinjat minn Francesco Laparelli fis-sena 1566. Dan il-ħajt iservi biex jgħaqqad il-ġenb tal-bastjun ta’ San Pietru u San Pawl u jankra l-front principali tal-Belt, fuq in-naħa tal-Lvant, mal-Bastjun ta’ Santa Barbara li jħares lejn il-Port il-Kbir.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ġie spjegat li x-xogħlijiet qed isiru b’investiment ta’ €330,000. Ix-xogħlijiet, li bdew f’Ottubru 2022 mistennija jintemmu din is-sena stess u b’kollox dawn ix-xogħlijiet se jkopru medda ta’ madwar 3,000 metru kwadru ta’ sur. Il-Ministru Owen Bonnici qal li hu bis-saħħa ta’ inizjattivi bħal dawn li għandna l-opportunità li nkomplu nieħdu ħsieb il-wirt nazzjonali tagħna, wirt li jsawwar l-identità tagħna bħala poplu. “Dan ir-restawr iwettaq l-istrateġija kulturali tagħna b’mod li l-wirt tagħna jkun aktar aċċessibbli, u qed inġibu lura sit storiku li b’hekk jista’ jiġi ammirat aħjar mill-pubbliku ġenerali u mit-turisti”, spjega Dr Bonnici. Il-Perit Chanelle Busuttil, mid-Direttorat tar-Restawr, spjegat kif ix-xogħlijiet ta’ restawr li qed isiru bħalissa jikkonsistu f’tindif, tikħil mill-ġdid tal-fili, plastic repair tal-ġebel (tiswija tal-ġebla b’tikħil addattat) u restawr tal-parapett.
“Ix-xogħlijiet tal-konsolidazzjoni mbagħad jistgħu jiġu kategorizzati fi tliet punti: l-ewwel nett is-sostituzzjoni tal-qoxra tal-ġebel fejn din ġiet nieqsa, it-tieni nett it-tiswija tal-qoxra tal-ġebel eżistenti li fadal u fl-aħħar nett il-konsolidazzjoni tal-blat permezz ta’ bolting tal-blat u ta’ shotcreting,” qalet il-Perit Busuttil.
Comentários