Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar żewġ kunċerti f’pajjiżna mit-tenur ta’ fama mondjali José Cura.
L-ewwel kunċert se jkun nhar il-Ħadd 2 ta’ Ottubru fis-7:30 p.m. fit-Teatru Manoel, il-Belt Valletta.
Il-qofol ta’ dan il-kunċert ta’ Cura f’Malta se tkun kompożizzjoniji tiegħu stess – ċiklu ta’ kanzunetti bbażat fuq is-sunetti ta’ wieħed mill-aktar poeti influenzjali tas-seklu 20, Pablo Neruda. Miktuba bejn l-1995 u l-2006, Si muero, sobrevíveme! (If I die, survive me!) se tinvolvi wkoll l-attriċi rinomata Maltija Jane Marshall li se tagħti l-ħajja lill-karattru ta’ mart Neruda Matilde Urrutia.
Apparti l-kunċert ta’ Ottubru, tħabbar ukoll li Cura se jirritorna f’Marzu 2023 fit-Teatru Manoel fejn se tkun qed tittella’ produzzjoni ġdida maħluqa għat-Teatru Manoel tal-opra Tosca ta’ Giacomo Puccini.
Il-Ministru Owen Bonnici aċċenna l-importanza ta’ inizjattivi ta’ dan it-tip, għaliex ipoġġu it-teatru fuq quddiem.
“Għalhekk huwa ta’ min ifaħħar dawn iż-żewġ kunċerti, hekk kif dan hu perfettament konformi mal-isforzi tagħna bħala Gvern li nkomplu ninvestu f’din il-forma ta’ teatru, li hi tant maħbuba u apprezzata,” Dr Bonnici temm jgħid.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Catherine Tabone tkellmet dwar l-importanza ta’ inizjattivi bbażati fuq kollaborazzjonijiet internazzjonali.
“Dawn huma parti essenzjali mill-Programm Kulturali tal-Aġenzija, li jenfasizza l-kwalità u kif ukoll l-aċċessibbiltà għal udjenza wiesgħa,” qalet is-Sa Tabone.
“Minkejja n-nuqqas ta’ opra sħiħa fl-aħħar snin minħabba l-pandemija dejjem kellna f’moħħna li l-opra tibqa’ appuntament annwali fuq il-kalendarju tagħna,” qal il-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel Massimo Zammit.
“Biex niċċelebraw ir-ritorn tal-opra xtaqna nagħmlu xi ħaġa speċjali dan l-istaġun. Nħoss sodisfazzjon kbir li ngħaqadna mal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, u kkollaborajna ma’ Maestro Jose Cura biex nipproduċu Tosca, u m’għandi l-ebda dubju li flimkien ser intellgħu prodott ta’ l-aqwa kwalità,” spjega is-Sur Zammit.
Il-cast jinkludi lil Tania Ivanova fir-rwol ewlieni, Carlos Almaguer fir-rwol ta’ Scarpia flimkien ma’ wħud mill-aqwa kantanti tal-opra Maltin u KorMalta. It-Tosca se titella’ bil-parteċipazzjoni tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta taħt id-direzzjoni ta’ Mario De Rose.
Dawn iż-żewġ proġetti qed isiru bħala kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u t-Teatru Manoel.
Biljetti jistgħu jinxtraw minn teatrumanoel.com.mt
Comments